Ġiet imnedija investigazzjoni wara li resident Slimiż, li ser ikun qed jiġi riferut bħala Joseph, irraporta li kien safà vittma ta’ scam oħra magħrufa bħala ‘recovery room’ scam. Joseph kien diġà sofra telf sinifikanti ta’ €20,000 kawża ta’ scam romantika. Ftit ġimgħat wara dan il-kalvarju, hu rċieva imejl mingħand mara li allegat li kienet investigatriċi li taħdem għall-‘Europol’. Hi infurmatu li, il-kriminali responsabbli mit-telf sostnut, kienu ġew arrestati u li l-flus kienu fil-proċess li jiġu ritornati lill-vittmi identifikati.
Sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-flus tiegħu, Joseph ingħata struzzjoni biex iħallas is-somma ta’ €5,000 għal dak li ġie deskritt bħala ‘tariffa għal-legalizzazzjoni u l-ipproċessar’. Din l-imejl dehret li kienet waħda uffiċċjali, minħabba li kienet tinkludi numri ta’ referenza tal-każ, u dokument ieħor li kien jixbah ħafna lil dokument awtentiku tal-Qorti. Fil-ġimgħat li segwew, il-frodisti ntroduċew ostakli ġodda, fejn talbu €3,500 oħra għal ‘clearance tal-konverżjoni tal-munita’, u ppruvaw ukoll jitolbu €2,000 għal ‘ċertifikazzjoni kontra l-ħasil tal-flus’. Minħabba li l-ispejjeż baqgħu dejjem jiżdiedu, u dan mingħajr l-ebda sinjal tal-flus tiegħu, Joseph beda jissusspetta ħażin, waqqaf il-pagamenti u talab għal għajnuna uffiċċjali. Verifikazzjonijiet sussegwenti kkonfermaw li l-operazzjoni kienet kollha ffabrikata, bil-frodisti jimpersonifikaw l-infurzar tal-liġi internazzjonali sabiex jisfruttaw mix-xewqa tal-vittma li jirkupra t-telf sostnut.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Il-kuntatt inizjali jibda minn individwu li jallega li qed jirrappreżenta aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi.
- Il-frodisti wegħdu garanzija ta’ irkupru totali tat-telf sostnut fi skemi frawdolenti preċedenti.
- Diversi talbiet għal pagamenti bil-quddiem isiru bl-iskuża ta’ xi tariffi legali jew amministrattivi.
- L-imejls jinkludu dokumenti li jkunu jidhru bħal dokumenti uffiċċjali maħruġa mill-Qorti jew bħal ċertifikati legali, u dan biex joħolqu sens falz ta’ awtorità.
- L-ispejjeż ikomplu jiżdiedu bi skużi ġodda u varji għalfejn il-flus li ġew irkuprati għadhom ma ġewx rilaxxati.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.