Clara irrapurtat mal-Pulizija ta’ Malta li hi kienet għadha kemm sfat vittma ta’ skema ta’ frodi bbażata fuq ir-relazzjonijiet, liema skema żviluppat fuq diversi xhur. Il-frodi bdiet meta hi ġiet ikkuntatjata permezz tal-WhatsApp, minn individwu li allega li huwa attur famuż Tork. Dan l-individwu uża numru tat-telefon internazzjonali, għamel kuntatt magħha kuljum, u esprima affezzjoni filwaqt li bena intimità emozzjonali.
Maż-żmien, is-suspettat beda jaqsam stejjer personali dwar problema ta’ saħħa u xi diffikultajiet finanzjarji li huwa kellu. Hu allega li kellu bżonn urġenti ta’ flus għal trattament mediku relatat ma’ problemi bil-pressjoni fid-demm. Biex iġagħluha temmen, individwu ieħor għamel kuntatt ma’ Clara, u ppreżenta lilu nnifsu bħala t-tabib ta’ dan l-attur. Minħabba l-ħbiberija u l-affett emozzjonali li kienet nibtet, hi trasferiet is-somma ta’ €6,000 u aktar tard is-somma ta’ €1,500 qabel il-Milied.
F’Jannar, dan l-individwu talabha €1,500 oħra, minħabba li l-kont bankarju tiegħu kien taparsi ġie bblukkat. Għal darb’oħra, hi reġgħet aċċettat. Ftit wara, ġiet ikkuntattjata minn individwu ieħor, fejn sostna li l-flus ma kienux waslu, u anke hedded li jieħu azzjoni legali kontriha.
Kien proprju wara diversi talbiet oħrajn u anke inkonsistenzi fl-ispjegazzjonijiet mogħtija lilha, li Clara rrealizzat li kienet ġiet imqarrqa. B’kollox, hi trasferiet is-somma ta’ madwar €9,000 lil diversi benefiċjarji f’pajjiżi differenti.
Dan il-każ juri kif il-frodi bbażata fuq ir-relazzjonijiet tistrieħ b’mod qawwi fuq il-manipulazzjoni emozzjonali iktar milli xi hacking tekniku. Il-frodisti jinvestu l-ħin sabiex jiksbu l-fiduċja u joħolqu narrattiva konvinċenti qabel jibdew bit-talbiet finanzjarji. Dan iservi bħala twissija importanti biex wieħed ikun kawt meta jiżviluppaw xi relazzjonijiet onlajn, speċjalment meta jintalbu xi flus.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.