F’Marzu 2024, Daniela ressqet rapport lill-Pulizija ta’ Malta, wara li din sfat vittma ta’ scam magħrufa bħala ‘recovery room’. Daniela kienet diġà ġarrbet telf sinifikanti ta’ €10,000 kawża ta’ scam preċedenti relatata ma’ investiment fil-kriptoassi. Kważi xahrejn wara dan it-telf inizjali, l-vittma kienet ġiet ikkuntattjata minn raġel, li preżenta lilu nnifsu bħala ‘James’, u li allega li kien qed jirrappreżenta aġenzija ta’ irkupru finanzjarju internazzjonali. James informa lil Daniela li l-flus li kienu nsterqulha kienu ġew traċċati u li kienu qed jinżammu f’kont sigur jistennew biex jiġu rilaxxati lilha.
Sabiex l-offerta tidher leġittima, James anke provda dokumentazzjoni li fuqhom deher evidenti l-logo tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Dawn id-dokumenti kienu jinkludu referenzi legali li kienu iżda ffabrikati, flimkien ma’ konfermi ta’ rkupru li kienu ddisinjati sabiex jevitaw ix-xettiċiżmu ta’ Daniela. James qalilha li, pagament ta’ €2,500 kien dovut minnha bil-quddiem, u dan sabiex tkopri xi spejjeż amministrattivi u legali qabel il-flus tagħha jistgħu jkunu rilaxxati. Peress li d-dokumenti mogħtija lilha kienu jidhru professjonali u anke minħabba li Daniela kienet qed tinagħta aġġornamenti kontinwi mingħand James fejn ġiet assigurata li ser tieħu flusha lura, Daniela trasferixxiet il-flus mitluba.
Ftit wara li għamlet l-ewwel pagament, Daniela ġiet ikkuntattjata minn individwu ieħor li allega li kien ‘compliance officer’. Hu qalilha li, qabel ma jiġi finalizzat l-irkupru, hi kienet mitluba titrasferixxi s-somma ta’ €1,800 oħra sabiex tkopri t-taxxi. Wara li Daniela għamlet dan it-tieni pagament, il-komunikazzjoni ma’ din l-aġenzija waqfet immedjatament. Kien hemm li hi ndunat li reġgħet sfat vittma ta’ scam għat-tieni darba, fejn tilfet €4,300 oħra b’żieda mat-telf sostnut mill-investiment oriġinali.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- L-aġenzija ta’ irkupru tagħmel kuntatt miegħek, speċifikament wara li inti tkun diġà tlift il-flus kawża ta’ scam preċedenti.
- Ir-rappreżentant jallega li l-flus li inti tlift ġew intraċċati jew li qed jinżammu f’kont iffriżat.
- Il-frodisti jipprovdu dokumentazzjoni li tkun tidher li hi professjonali fejn dawn jużaw logos ta’ regolaturi bħal ma hi l-MFSA mingħajr awtorizzazzjoni.
- Qabel flusek ikunu jistgħu jiġu rilaxxati, jitolbuk tħallas tariffi amministrattivi jew legali bil-quddiem.
- Diversi individwi jiġu introdotti fil-konversazzjoni sabiex l-entità/l-aġenzija tiġi tidher bħala waħda professjonali.
- L-individwi involuti jwaqqfu kull kuntatt ġaladarba t-tariffi mitluba jiġu mħallsa.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.