F’mewġa ta’ attakki sofistikati li kienu mmirati għall-pubbliku, l-frodisti mpersonfikaw lill-Ministeru tal-Finanzi sabiex jolqtu diversi konsumaturi ta’ Bank lokali. Residenta, li ser nirreferu għaliha bħala Elena, kienet waħda minn dawk li rċeviet dak li kien jidher bħala notifika uffiċċjali b’SMS. Dan il-messaġġ allega li hi kellha ‘taxxi dovuti’ li kienu ukoll urġenti, filwaqt li kellha ukoll ‘kwistjonijiet ta’ konformità’ li kienu jeħtieġu l-attenzjoni mmedjata tagħha. Kważi eżatt wara li hi rċeviet dan il-messaġġ, Elena rċeviet ukoll telefonata mingħand individwu li tkellem b’awtorità u ċertu professjonalità, fejn irrinforza l-urġenza u allega li, sakemm ma tiħux azzjoni f’dik is-siegħa, l-kont bankarju tagħha kien f’riskju.
Minħabba li emmnet li kienet qed titkellem ma’ uffiċċjal tal-Gvern li kien leġittimu, Elena tħalliet li tkun gwidata f’dak li hi ħasbet li kien proċess sigur ta’ verifika. Il-persuna li kien qed iċemplilha, li kien ukoll qed jimita l-lingwaġġ formali użat minn entitajiet governattivi, ipperswadiha sabiex tipprovdilu informazzjoni sensittiva li kienet tinkludi d-dettalji tal-kont bankarju tagħha, kif ukoll xi ‘one-time passcodes’. Sabiex taparsi tipproteġi l-kapital tagħha tul dan il-proċess t’awditjar tat-taxxa, l-frodist ta struzzjonijiet lil Elena sabiex titrasferixxi t-tfaddil tagħha f’kont ‘sigur’ u ‘mingħajr perikli’ li huwa mmaniġġjat mill-Ministeru.
Vittma ieħor, riferut bħala David, ukoll rċieva imejl simili, liema imejl dehret identika għal korrispondenza uffiċċjali mibgħuta mill-Gvern. Din l-imejl qanqlitu biex jagħfas fuq ħolqa (link) għal sit frawdolenti sabiex isolvi talba għal ‘verifikazzjoni urġenti tal-kont’. Imbeżża mill-fatt li jiffaċċja penali legali jew inkella jiġu ffriżati l-assi tiegħu, David segwa l-istruzzjonijiet u żvela l-kredenzjali tiegħu tal-login. Sal-mument li dawn l-individwi ndunaw li kienu ġew imqarrqa permezz ta’ frodi li tinvolvi l-‘impersonifikazzjoni tal-Gvern’, kienu diġà ġew, b’mod frawdolenti, trasferiti eluf ta’ ewro lejn kontijiet barra minn Malta. Dawn il-każijiet jenfasizzaw kif kriminali jisfruttaw il-fiduċja li ċittadini jkollhom f’istituzzjonijiet pubbliċi biex jevitaw dak li huwa tradizzjonalment magħruf fuq is-sigurtà.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Il-kuntatt joriġina minn individwi jew messaġġi li jallegaw li jkunu qed jirrappreżentaw awtorità governattiva ta’ livell għoli.
- Il-komunikazzjoni tiffoka fuq it-theddid t’urġenza li jinvolvi taxxi dovuti jew kwistjonijiet legali ta’ konformità immedjata.
- Issir talba diretta għal kredenzjali bankarji sensittivi bħal pereżempju, passwords u one-time passcodes.
- Il-frodist juża tattiċi ta’ pressjoni għolja sabiex iġiegħel li tittieħed deċiżjoni qabel il-vittma jkun jista’ jivverifika t-talba li qed issirlu.
- Jiġu mogħtija struzzjonijiet sabiex jiġu trasferiti flus lejn kont ‘sigur’ u ‘mingħajr periklu’ għal iktar protezzjoni waqt l-investigazzjoni.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.