Dan il-każ jinvolvi frodi ta’ investiment sofistikata, fejn intużat l-intelliġenza artifiċjali biex il-frodisti rnexxilhom iqarrqu b’vittma ieħor li ser insejħulu Paul. Il-każ beda meta Paul għafas fuq ħolqa (link) minn reklam li ltaqa’ miegħu fuq Facebook, f’liema reklam kienu qed jidhru vidjos fittizji ta’ nies prominent lokali. Dawn il-vidjos u ritratti ġġenerati permezz tal-intelliġenza artifiċjali, kienu qed jintużaw sabiex juru personalitajiet Maltin taparsi qed jippromwovu u jirrakkomandaw pjattaformi u investimenti fi kriptoassi li iżda kienu fittizji. Paul emmen li dawn id-dikjarazzjonijiet huma ġenwini u eventwalment esprima l-interess li jinvesti s-somma ta’ €260.
Wara li ta d-dettalji tiegħu, huwa ġie kkuntatjat minn persuni li introduċewh ma’ taparsi ‘trader’ li beda jikkomunika miegħu permezz ta’ telefonati u messaġġi fuq ‘Whatsapp’. Biex jakkwista l-interess u l-fiduċja ta’ Paul, il-frodist uża tattiċi sabiex jibni relazzjoni ta’ ħbiberija personali miegħu, fejn il-konversazzjonijiet bejniethom ma kinux biss dwar l-investimenti, iżda ddiskutew anke l-annimali domestiċi u x-xiri tal-proprjetà f’Malta.
Ġaladarba l-frodist kien irnexxielu jakkwista l-fiduċja ta’ Paul, hu rnexxielu jikkonvinċieh biex jagħmel użu mill-applikazjoni ‘AnyDesk’, fejn permezz tagħha, Paul ipprovda aċċess għall-apparat elettroniku tiegħu lill-frodist. Permezz t’hekk, il-frodist seta’ iniżżel applikazzjoni oħra u fuq kollox, kellu imbagħad aċċess għall-kredenzjali bankarji tiegħu.
Bl-iskuża tal-kummerċ professjonali, il-frodist trasferixxa l-flus ta’ Paul lejn diversi pjattaformi ta’ servizzi finanzjarji diġitali oħra . Il-frodist kien saħansitra jigwida lil Paul dwar x’għandu jgħid lill-Bank meta jigi mistoqsi dwar dawn it-trasferimenti u dan sabiex l-istess trasferimenti li jistgħu jkunu suspettużi ma jiġux bblukkati. Sabiex dejjem ikompli jinvesti iktar flus, Paul ġie saħansitra mħeġġeġ jissellef xi flus mingħand familjari tiegħu.
Fl-aħħar, Paul spiċċa wkoll mitlub iħallas diversi pagamenti b’mod urġenti għal taparsi skopijiet ta’ taxxa, u dan bl-iskuża li ll-allegat gwadann li hu għamel seta’ imbagħad jiġi rilaxxat.
Meta Paul intebaħ li din l-attività kienet kollha scam huwa kien diġà tilef iżjed minn €60,000.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Reklami fuq il-midja soċjali li jużaw intelliġenza artifiċjali u deepfake biex juru nies prominenti jirrakkomandaw investimenti.
- Kuntatt inizjali li jibda permezz ta’ link fuq il-midja soċjali.
- Il-persuna li tipprovdi gwida finanzjarja mhijiex liċenzjata.
- Ebda laqgħat wiċċ imb’wiċċ – komunikazzjoni biss permezz ta’ apps u mezzi diġitali.
- Talba biex tniżżel programm bħal “AnyDesk” biex jinagħta aċċess remot.
- Talbiet frekwenti biex tinvesti ammonti dejjem akbar.
- Inkorraġġament biex jinstabu iżjed flus għal investiment permezz ta’ self jew bejgħ ta’ assi.
- Indikazzjonijiet ta’ profitti għoljin u mhux realistiċi fi żmien qasir ħafna
- Talbiet urġenti għal pagamenti qabel ma tkun tista’ taċċessa l-flus tiegħek.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.