F’April tal-2023, vittma li ser insejħulha Carmen rat reklam fuq Facebook li kien qed juża t-tattici ta’ aħbarijiet foloz li kienu qed jippromwovu investiment f’“Tesla”. Dan ir-reklam kien qed jallega li din l-opportunità kienet diġà qed tgħin lill-familji Maltin jagħmlu qligħ tajjeb. Imħajjra mill-wegħda ta’ profitti għoljin, hija ddeċidiet tinvesti somma inizjali ta’ €250 u pprovdiet id-dettalji tal-karta bankarja tagħha.
Fi żmien ftit jiem, Carmen ġiet ikkuntattjata permezz ta’ WhatsApp minn persuni li komplew iħeġġuha tinvesti aktar flus. Meta bdiet tiddubita mill-ġenwinità tal-arranġament, talbet rifużjoni tal-investiment tagħha. Madankollu, l-frodisti kkonvinċuha li l-investiment tagħha kien diġà żdied għal aktar minn €400, u qalulha li biex tirċievi l-flus kellha tiftaħ kont ma’ pjattaforma magħrufa tal-kripto.
Il-frodi kompliet teskala meta l-frodisti talbuha żżid is-somma ta’ flus fil-kont bankarju tagħha, bl-iskuża li kellu jsir proċess ta’ “verifika” qabel jinħelsu l-profitti. Barra minn hekk, ippruvaw jiftħu kont f’isimha ma’ bank diġitali magħruf, u b’hekk Carmen spiċċat qasmet informazzjoni personali u kunfidenzjali. L-aktar punt kritiku kien meta ġiet ipperswadita tniżżel applikazzjoni fuq il-mowbajl tagħha, li tat lill-frodisti aċċess u kontroll sħiħ tal-apparat tagħha.
Wara li Carmen segwiet l-istruzzjonijiet u ttrasferiet somma sostanzjali fil-kont lokali tagħha, il-frodisti użaw dan l-aċċess biex jibdew jiġbdu l-flus. F’inqas minn tliet sigħat, saru sitt transazzjonijiet li flimkien jammontaw għal €8,000. Fortunatament, is-sistemi tas-sigurtà tal-bank identifikaw l-attività suspettuża u rnexxielhom iwaqqfu sbatax-il attentat ieħor, li flimkien kienu jammontaw għal madwar €50,000. Minkejja l-intervent rapidu tal-bank, Carmen xorta waħda ġarrbet telf ta’ €8,000 minn “investiment” inizjali ta’ €250 biss.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Reklami fuq il-midja soċjali li jużaw ismijiet magħrufa jew “endorsment” ta’ ċelebritajiet fejn iwegħdu profitti mhux realistiċi.
- Kuntatt inizjali ma’ xi ħadd li jippreżenta lilu nnifsu bħala “konsulent finanzjarju” li jibda biss minn fuq il-midja soċjali u mhux min sorsi uffiċċjali.
- Komunikazzjoni ssir biss permezz ta’ apps u mezzi elettroniċi, mingħajr laqgħat wiċċ‘imb’wiċċ.
- Indikazzjonijiet ta’ profitti kbar f’perjodu qasir ħafna u mhux realistiku
- Talbiet biex tniżżel programm li jagħti kontroll totali tal-apparat tiegħek lil terzi.
- Pressjoni biex tagħmel pagamenti addizzjonali sabiex taċċessa l-flus tiegħek stess.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.