Il-każ ta’ persuna li se nsejħulha Maria juri b’mod ċar il-periklu ta’ kumpaniji kklonjati im (clone firms), fejn il-frodisti jippretendu li huma rappreżentanti ta’ kumpaniji leġittimi u liċenzjati sabiex jisirqu l-flus.
Mingħajr ma kienet taf, Maria bdiet tikkomunika ma’ persuna li kienet qed tippreżenta lilha nnifisha bħala rappreżentant ta’ kumpanija magħrufa liċenzjata. Il-kuntatt beda permezz ta’ messaġġi fuq il-mowbajl, fejn l-impersonifikatur beda jiggwidaha biex tagħmel ċertu pożizzjonijiet speċifiċi ta’ trading fil-forex.
Maria bdiet b’investiment inizjali żgħir ta’ €250 fl-2023. Meta l-ewwel pożizzjonijiet dehru li għalqu bi profitt, hija bdiet temmen li kienet qed tittratta ma’ professjonist kapaċi ħafna.
Hekk kif ir-relazzjoni kompliet, il-frodist beda juża t-tattika tal-“fear of missing out” (biża’ li titlef opportunitajiet), u regolarment kien jinfurmaha b’opportunitajiet li taparsi kienet qed titlef. Meta Maria qalet li ma kellhiex ħin tmexxi l-investimenti hi stess, l-impersonifikatur offra li jieħu ħsieb il-kont tagħha.
Ftit wara, qalilha li kien daħħalha fi “proġetti speċjali” relatati mal-kripto, li allegatament kienu ġġeneraw profitti kbar. Sabiex tkun tista’ tiġbed dawn il-profitti, Maria ġiet imħeġġa tiftaħ kont ma’ pjattaforma magħrufa tal-kripto, bl-iskuża ta’ raġunijiet relatati mat-taxxa u biex jitħaffu t-trasferimenti.
Sabiex jikkonvinċuha aktar, il-frodisti għamlu “test withdrawal”, fejn Maria rnexxielha tirċievi lura ammont żgħir ta’ flus. Dan kien seġwit minn sensiela ta’ imejls ikkoordinati minn kont falz bil-għan li ssir impersonifikazzjoni tal- pjattaforma magħrufa tal-kripto, kollha kkoordinati mal-komunikazzjonijiet tal-frodist.
Imbagħad beda proċess ippjanat sew, fejn il-frodisti talbu pagamenti sostanzjali qabel suppost jinħelsu l-profitti. Ġew użati diversi skużi li jidhru professjonali, fosthom: “verifiċi tal-likwidità”, “skopijiet ta’ assigurazzjoni”, u “li jinħelsu fondi ffriżati”.
Biex toħloq dak li sejħulu “storja ta’ transazzjonijiet”, Maria ġiet mitluba tagħmel tliet trasferimenti ta’ $2,500, $10,000, u $30,000.
B’mod manipulattiv, il-frodisti rritornaw l-ewwel u t-tieni trasferiment biex jiksbu l-fiduċja tagħha. Madankollu, meta bagħtet it-tielet u l-akbar ammont ta’ $30,000, dan qatt ma ġie rritornat.
Maria kompliet tagħmel pagamenti oħra għal allegati “skopijiet ta’ cashflow” permezz ta’ “Trust Wallet” u għal aktar “verifiċi tal-likwidità”, wara li qalulha li xi transazzjonijiet preċedenti ma kinux saru sew.
Il-frodi kompliet sakemm il-frodisti talbu “pagament ta’ taxxa internazzjonali”. Kien f’dan il-punt li Maria indunat li kienet vittma ta’ frodi, wara li kienet diġà tilfet aktar minn €70,000.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Wegħda ta’ profitti faċli u garantiti.
- Komunikazzjoni biss permezz ta’ mezzi elettroniċi, mingħajr laqgħat wiċċ imb’wiċċ.
- Pressjoni kontinwa u biża’ li titlef opportunitajiet (fear of missing out).
- Profitti kbar u mhux realistiċi fi żmien qasir ħafna.
- Talbiet ripetuti għal pagamenti qabel jinħelsu l-fondi.
- Sens qawwi ta’ urġenza biex tħallas minnufih.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.