Dan il-każ jinvolvi scam li seħħet f’Lulju 2024. Il-vittma, li se nsejħulu John, rċieva SMS frawdolenti fuq il-mowbajl minn numru, li minn fuqu, is-soltu jirċievi messaġġi indirizzati lilu mingħand il-Bank.
Billi John ħass li dan il-messaġġ kien wieħed ġenwin mibgħut mill-Bank tiegħu, huwa għafas fuq il-link li kien hemm fl-SMS u żvela l-informazzjoni kunfidenzjali. Fil-proċess, huwa ta wkoll aċċess għall-kont tiegħu lil terzi persuni.
Ftit wara, John rċieva messaġġ fuq l-istess numru tal-SMS tal-Bank, fejn ġie mwissi li kienet ġiet mibdija transazzjoni ta’ verifika tal-kard tiegħu ma’ kumpanija barranija, u sabiex huwa jagħmel kuntatt mal-Bank peress li din il-verifika ma kinitx awtorizzata. Il-frodisti għamlu tentattiv ieħor sabiex jagħmlu pagament ieħor, iżda, John irnexxielu jagħmel kuntatt mal-Bank, f’ħin tajjeb, biex irnexxielu jiddiżattiva l-online banking tiegħu u jwaqqaf il-pagament.
Waqt it-telefonata tiegħu mar-rappreżentant tal-Bank, John ammetta li kien żvela l-kodiċi sigrieti tiegħu wara li għafas fuq il-link frawdolenti li kien irċieva fl-SMS. Huwa ġie infurmat sabiex iżur il-fergħa tal-bank biex jerġa’ jattiva l-online banking tiegħu.
Waqt it-telefonata tiegħu mar-rappreżentant tal-Bank, John ammetta li kien żvela l-kodiċi sigrieti tiegħu wara li għafas fuq il-link frawdolenti li kien irċieva fl-SMS. Huwa ġie infurmat sabiex iżur il-fergħa tal-bank biex jerġa’ jattiva l-online banking tiegħu.
Wara li John personalment żar il-fergħa tal-bank, irċieva telefonata mingħand xi ħadd, li pretenda li kien mill-bank, fejn infurmah li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-USER ID (li kienet diġà ġiet mibdula meta żar il-fergħa), kellha bżonn tinbidel. Din it-telefonata ġiet segwita minn diversi telefonati oħrajn biex jikkonvinċuh jibda l-proċess sabiex jinbidel il-USER ID.
Billi ħaseb li kien qed ikellem lill-bank, John spiċċa pproċeda billi segwa l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mill-frodisti sabiex jibdel il-USER ID tiegħu, fejn eventwalment, spiċċa tilef l-aċċess għall-online banking tiegħu.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- SMS li jinkludi link li l-individwu jintalab biex jagħfas.
- Talba għall-iżvelar ta’ kodiċi ta’ aċċess sigrieti wara li tagħfas fuq il-link li tkun inkluża fl-SMS mibgħut.
- Telefonati persistenti u mhux mitluba sabiex jinbidel il-USER ID għall-aċċess tal-kont bankarju tiegħek.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.