F’każ ieħor irrapurtat lill-Pulizija ta’ Malta, Adrian, Chief Financial Officer ta’ kumpanija Maltija nvoluta f’attivitajiet ta’ kummerċ, safà vittma ta’ skema ta’ Business Email Compromise li kienet tinvolvi trasferiment ta’ €150,000.
Dan l-inċident beda meta Adrian għamel arranġament għal pagament lil sieħeb fin-negozju bħala parti minn operazzjonijiet finanzjarji ta’ rutina. Ftit wara li beda dan it-trasferiment, hu rċieva imejl mingħand dak li deher l-imejl leġittimu tas-sieħeb tiegħu. F’dan il-messaġġ, hu ngħata struzzjonijiet sabiex iħassar il-pagament oriġinali u jidderieġi mill-ġdid il-fondi lejn kont bankarju differenti fir-Renju Unit, minħabba allegati tibdiliet amministrattivi.
Adrian, b’attenzjoni rreveda l-indirizz elettroniku minn fejn kienet intbagħtet din l-istess imejl u ma sab l-ebda diskrepanza li kienet viżibbli. Minħabba li l-indirizz elettroniku qabel mal-informazzjoni li hu kellu, hu kkonforma mat-talba li saritlu, u trasferixxa l-€150,000 lejn il-kont bankarju ġdid li kien ingħatalu. Kien biss wara li kkonferma t-tranżazzjoni bit-telefon, li s-sieħeb tiegħu esprima allarm, u stqarr li ma kienet intalbet l-ebda bidla bħal din.
Aktar investigazzjonijiet żvelaw kif il-kont tal-imejl tas-sieħeb fin-negozju kien ġie kompromess. Inħolqot regola malizzjuża fil-mailbox, fejn, b’mod awtomatiku, kienet tiddevja jew timmarka bħala “moqri” ċertu komunikazzjonijiet, u b’hekk tipprevjeni lid-detentur leġittimu tal-kont milli jinnota l-korrispondenza frawdolenti.
Il-frodisti mhux neċessarjament għadhom joħolqu indirizzi tal-imejl foloz; minflok, huma jistgħu anke jinfiltraw kontijiet ġenwini, fejn jagħmlu l-iskoperta tal-aġir qarrieqi tagħhom estremament diffiċli. Għalhekk huwa importanti li, meta kumpanija tirċievi xi talbiet għal bidliet fid-dettalji tal-kontijiet bankarji, il-kumpanija jew l-individwu għandhom jivverifikaw dawn l-istess dettalji permezz ta’ kanali ta’ komunikazzjoni indipendenti, bħal pereżempju, telefonata diretta lejn numri li jkunu ġew stabbiliti minn qabel.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.