Dan il-każ seħħ fl-2023. Il-vittma, li se nsejħulha Maria, li qatt ma kienet investiet qabel fil-kriptoassi, attendiet programm ta’ taħriġ onlajn dwar transazzjonijiet u investimenti. Dan il-kors sar ma’ kumpanija frawdolenti li saħansitra ħarġet ċertifikat li jikkonferma li Maria temmet l-kors b’suċċess u b’riżultat eċċellenti. Din kienet parti minn skema biex iħajjruha u jinkoraġġuha tibda tinvesti magħhom.
Wara li temmet dan it-taħriġ, Maria ġiet allokata trader bl-isem ta’ Elena. Hi kienet temmen li qegħda tinvesti fil-bitcoin taħt il-gwida ta’ Elena, fejn din tal-aħħar kienet qed tiggwidaha dwar kif tagħmel investimenti fil-kriptoassi b’wegħdiet ta’ qligħ sostanzjali.
Biex tibda tagħmel dawn it-transazzjonijiet, Maria l-ewwel bagħtet il-flus mill-kont bankarju lokali tagħha lejn kont f’isimha ma’ bank diġitali magħruf, u kont ieħor ma’ pjattaforma diġitali ta’ pagamenti li tiffoka fuq il-kriptoassi. Taħt id-direzzjoni u l-istruzzjonijiet tal-frodist, il-flus ġew ikkonvertiti f’Bitcoin u mbagħad trasferiti lejn indirizz ta’ kartiera li kienet ipprovditilha Elena.
F’perjodu ta’ ġimgħa, hija għamlet madwar seba’ pagamenti b’ammonti sostanzjali, b’uħud minnhom jaqbżu sew l-€2,000. Xi pagamenti qabżu l-limiti tal-kont tagħha mal-bank, u għalhekk Maria ċemplet diversi drabi lill-bank tagħha biex jgħollulha temporanjament il-limitu tal-pagamenti sabiex it-trasferimenti jkunu jistgħu jsiru.
L-iskop tal-pagamenti li Maria kienet qed tagħmel matul dan il-perjodu kien biex twettaq transazzjonijiet relatati mal-kriptoassi. Madankollu, dan ma ġiex żvelat waqt il-konverżazzjonijiet li hija kellha mar-rappreżentanti tal-bank, fejn Maria llimitat ruħha biex tgħid li dawn kienu sempliċiment top-ups għal kontijiet oħra tagħha u ma spjegatx il-verità dwar dawn it-transazzjonijiet.
Maria kienet tikkomunika mal-frodist permezz tal-app Messenger. Sakemm hi ndunat li dan kollu kien scam, kienet diġà tilfet qrib it-€30,000.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Taħrig u ħruġ ta’ ċertifikati rigward xi kors onlajn fuq investimenti minn entita jew istituzzjoni mhux rikonnoxuta.
- Il-persuna jew kumpannija li offriet pariri u gwida fuq l-investiment ma kienux illiċenzjati.
- Kommunikazzjonijiet fuq investimenti ma’ persuna li l-konsumatur qatt ma ltaqa’ magħha fiżikament, jew wiċċ imb’wiċċ u lanqas fl-uffiċċju ta’ kumpanija regolata.
- Indikazzjoni ta’ qligħ sostanzjali f’qasir żmien.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.