Dan il-każ jinvolvi frodi li seħħet fis-sena 2022, fuq perjodu ta’ sitt xhur, u li rriżulta f’telf ta’ iktar minn GBP 600,000 Il-vittma, Mark, kien fil-mira ta’ David, frodist, li ppreżenta lilu nnifsu bħala konsulent ta’ suċċess kbir fuq il-kripto. David qatta’ ħafna ħin sabiex jibni ħbiberija personali ma’ Mark. Il-komunikazzjonijiet permezz ta’ diversi messaġġi u telefonati bejn David u Mark ma kinux biss dwar l-investimenti, iżda kienu jinvolvu oqsma oħrajn li kienu ta’ interess għall-istess vittma. Dan kollu seħħ sabiex joħloq sens falz ta’ fiduċja u ħbiberija.
David kien kontinwament jibgħat aġġornamenti dwar is-suq u aħbarijiet dwar Forex, Bitcoin, u fuq muniti diġitali ġodda bħal “E-krona”. David kien qed jibgħat din l-informazzjoni kontinwa sabiex iqarraq bil-vittma u jġegħlu jemmen li hu kien qed jittratta ma’ persuna professjonali. Tant kien konvint li din l-attività kienet waħda ġenwina, li saħansitra, Mark anke ntroduċa lil martu u l-ħbieb tiegħu mal-frodist sabiex jinvestu huma ukoll.
Fil-bidu, is-somma mibgħuta għall-investiment kienet relattivament żgħira u l-vittma ma kellu l-ebda intenzjoni li jżid dan l-ammont. Iżda, tul il-proċess, Mark kien, b’ħila liema bħalha, ipperswadit sabiex jinvesti iktar flus. David uża tattiċi fejn ġiegħel lill-vittma jibża’ li jitlef xi opportunita kbira, biex b’hekk saret pressjoni fuqu biex jinvesti iktar. David irnexxielu anke jaċċessa l-kompjuter ta’ Mark wara li Mark installa l-applikazzjoni AnyDesk, kif kien gwidat minn David, u b’hekk spiċċa ta aċċess remot tal-apparat elettroniku tiegħu.
Biex jinstiga lil Mark jgħaddilu iktar flus, David introduċa diversi “ostakli” li żammew lil Mark milli jiġbed l-allegati profitti. David allega li li l-ewwel kellhom jiġu mħallsa ċertu spejjeż sekondarji, li dawn kienu jinkludu ħlas għall-assigurazzjoni, taxxi, u xi “rekwiżiti tal-likwidità.Bit-tama li jirkupra flusu, Mark spiċċa saħansitra jbiegħ assi personali, u anke ħa self (fuq l-assi tiegħu u anke mingħand familjari u ħbieb) sabiex ikollu l-fondi neċessarji.
Din il-frodi kienet sofistikata ferm, fejn il-livell ta’ qerq u manipulazzjoni kienu tali li Mark anke njora t-twissijiet dwar il-possibilità ta’ frodi, liema twissijiet kienu ġew mogħtija lilu kemm mill-bank kif ukoll minn konsulent professjonali. Mhux talli hekk, talli David irnexxielu hu stess jikkonvinċi lill-vittma sabiex jinjora dawn it-twissijiet u jaħbi ċertu informazzjoni mill-bank tiegħu minħabba li skond hu, il-bank kien qed “iwaqqfu milli jsir sinjur”. Kien biss meta l-Pulizija avviċinaw lil Mark u qalulu b’din il-frodi, li hu rrealiżża li din l-attività ma kienet ġenwina xejn.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Qligħ jew profitti faċli.
- Komunikazzjonijiet permezz ta’ apparat elettroniku biss u mingħajr ma jsiru laqgħat wiċċ imb’wiċċ.
- Inkoraġġiment ripetut sabiex isiru iktar investimenti filwaqt li jitqanqal biżà li ser jintilfu xi opportunitajiet.
- Komunikazzjonijiet sabiex tiskredita u tinjora t-twissijiet mogħtija mill-bank tiegħek jew nies professjonisti oħrajn.
- Komunikazzjonijiet jew rikjesti sabiex ma tkunx trasparenti u sinċier mal-bank tiegħek jew istituzzjonijiet oħrajnTalbiet għal installazzjoni ta’ programm jew applikazzjonijiet li jagħtu aċċess u kontroll tal-apparat elettroniku.
- Talba għall-installazzjoni ta’ softwer jew applikazzjoni li tipprovdi aċċess u kontroll fuq il-kompjuter jew it-tagħmir mobbli tal-konsumatur.
- Notifika ta’ profitti sostanzjali f’perjodu qasir ta’ żmien.
- Talbiet għal pagamenti sostanzjali sabiex jiġu rilaxxati l-flus.
- Urġenza sabiex l-ewwel tħallas inkella l-flus jintilfu jew jiġu bblukkati.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.