L-investigazzjoni f’dan it-tip ta’ frodi speċifiku bdiet wara li l-vittma, John, li kien qed ifittex biex jiddiversifika l-portafoll tiegħu fi swieq t’ishma barranin, irraporta telf ta’ €150,000. Dan kollu ma bediex permezz ta’ messaġġ li hu rċieva, iżda minn tfittxijiet li hu għamel minn jeddu għal intermedjarju tal-investmenti. Wara li ltaqa’ ma’ reklam għal aġenzija ta’ servizzi ta’ investiment u ssottoskriva għan-newsletter, hu ġie kkuntatjat minn individwu bl-isem ta’ Reuben. Dan tal-aħħar introduċa lilu nnifsu bħala rappreżentant ta’ kumpanija ta’ investimenti, fejn imbagħad gwida lil John tul il-proċess li jiftaħ kont tal-investimenti.
Biex l-illużjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja leġittima tiġi iktar emmnuta, fix-xhur ta’ wara, l-frodisti introduċew diversi “professjonisti” oħrajn. Dan kien jinkludi t-tieni kuntatt bl-isem ta’ Alexander u xi ħadd ieħor jismu Henry li allega li kien konsulent finanzjarju. Billi użaw nies differenti, l-frodisti taw l-impressjoni li hemm xi tip ta’ struttura fl-organizzazzjoni u livell ta’ professjonalità, li permezz ta’ dan kollu, il-vittma ħass li kien qed jaħdem ma’ tim sħiħ ta’ impjegati b’reputazzjoni tajba.
Fuq parir mogħti lilu minn dan it-“tim”, John trasferixxa total ta’ €150,000 lejn kont ibbażat fir-Renju Unit. Fil-perjodu ta’ bejn Ottubru 2024 u Frar 2025, il-frodisti pprovdewlu dokumentazzjoni konvinċenti u aġġornamenti dwar il-portafoll tiegħu b’mod regolari, liema aġġornamenti indikaw li l-investimenti tiegħu kienu sejrin tajjeb ħafna.
Kien proprju fil-mument li John prova jiġbed l-allegati profitti li kien għamel li nduna li kien ġie mqarraq. Kien intqal lilu li l-fondi kienu ‘marbuta’ sakemm titħallas is-somma addizzjoni ta’ €60,000 sabiex tkopri t-taxxi dovuti. Minħabba li ma kellux flus biżżejjed sabiex jonora dak li ġie mitlub minnu, hu kkonsulta mal-bank tiegħu għal iktar għajnuna. Wara li raw id-dokumentazjzoni li hu kellu, l-uffiċċjali tal-bank pront identifikaw diversi irregolaritajiet serji u kkonfermaw li l-fatturi u d-dokumenti tat-taxxa provduti kienu frawdolenti. Sal-ħin li ġew involuti l-awtoritajiet, is-somma oriġinali ta’ €150,000 kienet ġiet diġà trasferita permezz ta’ sensiela ta’ kontijiet barra minn xtutna.
Sinjali ta’ twissija li dejjem għandek iżżomm f’moħħok:
- Ad-to-Newsletter Funnel: Oqgħod attent minn promozzjonijiet relatati ma’ investiment, li mbagħad iwasslu għal telefonati mhux mitluba jew tattiċi ta’ bejgħ bi pressjoni.
- Qerq li jinvolvi ħafna persuni: L-involviment ta’ “speċjalisti” varji u diversi (konsulenti, esperti tat-taxxa, konsulenti fuq il-kontijiet) sabiex joħolqu sens falz ta’ legittimità istituzzjonali.
- Diskrepanza fil-ħlasijiet barra minn xtutna: Talbiet sabiex jintbagħtu flus lejn kontijiet li ma jaqblux mal-isem tal-kumpanija li qed toffri l-investiment.
- In-nassa ta’ ħlas tat-taxxa bil-quddiem: Normalment, brokers leġittimi jnaqqsu t-taxxi mill-profitt fis-sors jew inkella jippermettulek li tħallas l-istess taxxa mill-bilanċ eżistenti tiegħek; dawn qatt ma jitolbuk tagħmel pagament ieħor f’dan ir-rigward qabel tkun tista’ tiġbed flusek.
- Dokumenti nkonsistenti: Fatturi li jkunu jidhru professjonali ħafna, iżda li meta jiġu spezzjonati minn bank jew regolatur, dawn ikunu jinkludu numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa li huwa rregolari, jew inkella dettalji dwar il-kumpanija li ma jaqblux.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.