Dan il-każ jinvolvi sensiela ta’ pagamenti li saru għal investiment fil-kriptoassi, fis-sena 2024, fuq perjodu ta’ xahrejn.
Il-vittma, Katherine, ġiet ipperswadita tinvesti fi kriptoassi fuq pjattaforma terza wara li rat reklam fuq l-internet li kien iwiegħed ritorn għoli.
Wara li esprimiet l-interess tagħha biex tinvesti, il-frodist għamel kuntatt ma’ Katherine u taha struzzjonijiet sabiex tibgħat il-pagamenti tagħha lejn kont b’IBAN virtwali (vIBAN). Dan il-vIBAN, li l-flus ta’ Katherine marru fih, kien kont tal-ħlas tal-klijenti miżmum minn kumpanija liċenzjata fuq kriptoassi ma’ fornitur ta’ pagamenti.
Mil-lat tal-bank jew inkella tal-fornitur tas-servizzi finanzjarji ta’ Katherine, it-trasferiment deheru bħala pagamenti normali minn kont tagħha għal kont ieħor ta’ pagament tagħha stess, fejn il-flus kienu qed jiġu kreditati lejn kont li Katherine kien jidher li kellha mal-istituzzjoni li kienet qed tirċievi dawn l-istess pagamenti. Iżda fil-verità, Katherine ma kellha l-ebda kont ieħor ta’ pagament, u t-trasferimenti kienu qed isiru lejn kont tal-ħlas tal-klijenti ta’ kumpanija liċenzjata fuq kriptoassi, fejn din tal-aħħar kienet il-klijent proprju tal-fornitur ta’ pagamenti.
Il-frodist kien ukoll għen lil Katherine biex tinfetaħ kartiera tal-kriptoassi f’isimha mal-kumpanija liċenzjata fuq kripto u dan wara li hi stess kienet tat id-dettalji personali tagħha, inkluż kopja tal-karta tal-identità tagħha.
Wara dan saru trasferimenti mill-kont ta’ Katherine miżmum mal-kumpanija liċenzjata fuq kripto lejn pjattaforma esterna onlajn u kartieri oħrajn, li wara irriżulta li kienu frawdolenti.
Sabiex jikkonvinċi lil Katherine dwar il-leġittimità ta’ dak li kien qed isir, il-frodist kien taha struzzjonijiet dwar xi kriptoassi kellha tixtri, u anke saħansitra urieha kont fittizju fuq pjattaforma oħra esterna, liema kont kien sejjer tajjeb u kien qed jagħmel il-profitti.
Meta Katherine ppruvat tiġbed flusha u l-allegati profitti li kienet għamlet, hi skopriet li kienet ġiet frodata u spiċċat tilfet €72,000.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Komunikazzjoni jew kuntatt li beda mill-internet.
- Wegħdiet ta’ ritorn għoli b’mod faċli.
- Diskussjonijiet dwar investimenti ma’ individwi li m’humiex liċenzjati minn xi awtorità regolatorja.
- Parir ta’ investiment mogħti minn kumpanija/individwu li l-konsumatur qatt ma ltaqa’ miegħu wiċċ imb’wiċċ.
- Il-veriċità u l-awtentiċità tal-pjattaforma ta’ investiment li hi bbażata barra minn Malta ma ġiet qatt ikkonfermata.
- Indikazzjoni ta’ qligħ sostanzjali f’perjodu qasir ta’ żmien.
- Nuqqas ta’ ċarezza u l-ebda verifika tas-sid proprju tal-kont tal-pagament u/jew il-kartieri esterni li fihom għandhom jiġu trasferiti l-assi.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.