F’Settembru 2024, Josephine, li m’hix familjari mal-kriptoassi, fetħet kont ma’ kumpanija liċenzjata fuq kripto, fejn iffinanzjat il-kont tagħha bi trasferimenti li ammontaw għal €32,000. Din il-kumpanija ta’ kripto ntużat sabiex il-flus tagħha jiġu kkonvertiti f’bitcoin u biex tipproċessa struzzjonijiet għat-trasferiment tal-kriptoassi.
Ladarba flusha ġew konvertiti f’bitcoin, Josephine ġiet iggwidata mill-frodisti sabiex minnufih titrasferixxi l-bitcoin għal kartieri (wallet) esterni indikati minnhom stess. Wara li l-kriptoassi ġew trasferiti għall-kartieri esterni, l-assi tagħha spiċċaw f’idejn partijiet mhux magħrufa.
Josephine ħasbet li l-bitcoin kienu ġew trasferiti lejn portafoll tal-investimenti tagħha fuq pjattaforma oħra ta’ terzi. Hi spjegat kif kienet saritilha ħafna pressjoni minn frodisti professjonali li ta’ spiss kienu jċemplulha, anke minn numri differenti, u kkonvinċewha sabiex taqsam magħhom dak li kienet qed tara fuq il-mowbajl tagħha. Il-vittma ammettiet li ma kienet qatt użat il-funzjoni ta’ screen sharing qabel u lanqas biss kienet konxja li jeżistu programmi f’dan ir-rigward.
Josephine segwiet u obdiet l-istruzzjonijiet persistenti mogħtija lilha mill-frodisti taħt pressjoni kontinwa. Dawn gwidawha, pass pass, kemm matul il-proċess sabiex tiftaħ kont mal-kumpannija ta’ kripto liċenzjata, kif ukoll fl-istruzzjonijet kollha mogħtija lilha wara biex isiru trasferiment tal-kripto lill-terzi, li ġew ukoll esegwiti taħt is-superviżjoni kontinwa tagħhom.
Josephine spiċċat tilfet l-assi kollha li ġew trasferiti lejn dawn il-kartieri esterni liema kartieri kienu ġew ikkomunikati lilha mill-frodisti.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- Nuqqas ta’ verifikazzjoni u ta’ informazzjoni dwar is-sid tal-kartieri esterni fejn il-kriptoassi ser jiġu trasferiti.
- Screen sharing u kontroll tal-apparat elettroniku tal-konsumatur minn terzi persuni.
- Pressjoni sabiex taġixxi, struzzjonijiet persistenti u sorveljanza kontinwa minn terzi persuni.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.