Dan il-każ jinvolvi scam li seħħet fis-sena 2023. Il-vittma, Josephine, rċeviet messaġġ frawdolenti fuq it-telefon ċellulari tagħha, liema messaġġ ġie mibgħut mill-istess numru li hi normalment tirċievi l-messaġġi mill-bank tagħha. Dan il-messaġġ frawdolenti kien jgħid hekk: ‘we are about to impose a hold on your account and remove your device, to avoid this pass security here at https://…..’ .
Minħabba li Josephine, li kienet fuq vaganza barra minn Malta, ħasbet li dan il-messaġġ mibgħut mill-Bank tagħha kien ġenwin, hi għafset fuq il-ħolqa (link) inkluża fl-SMS li hi rċeviet. Din il-ħolqa (link) wasslitha għal sit portali li l-format tiegħu kien kważi identiku għal dak tal-Bank, fejn hi imbagħad ġiet mitluba sabiex iddaħħal il-kredenzjali tagħha u tikkonferma xi informazzjoni personali. Il-vittma ħasbet li dan kien xi proċess ta’ verifikazzjoni ta’ sigurtà ta’ rutina li kien relatat ma’ servizz ieħor li fl-istess perjodu, kienet f’kuntatt mal-Bank dwaru.
Bl-użu tal-kredenzjali (isem, numru tal-mowbajl, numru tal-kont, numru tal-ID, u l-username) li ġew miksuba b’mod frawdolenti, flimkien ma’ one-time password li ġiet użata għar-reġistrazzjoni tal-apparat elettroniku ġdid, il-frodisti għamlu sensiela ta’ pagamenti lil terzi persuni mill-kont tal-vittma, u dan mingħajr involviment ieħor min-naħa tagħha. Il-vittma tilfet is-somma ta’ kważi €20,000.
Sinjali ta’ twissija li għandek iżżomm f’moħħok:
- SMS li jkun jinkludi ħolqa (link) li l-konsumatur jintalab jagħfas.
- Talba għall-iżvelar tal-kredenzjali u l-kodiċi tal-aċċess li huma sigrieti, u dan wara li tkun għafast il-ħolqa (link) inkluża fl-SMS.
Dikjarazzjoni: Dan il-kontenut huwa bbażat fuq każ reali investigat mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-avvenimenti u ċ-ċifri deskritti huma fattwali, l-ismijiet inbidlu biex tiġi protetta l-privatezza tal-individwi involuti.